Clyde Puli magħżul biex iwassal il-messaġġ tal-PN
Updated: Sep 21
Wara li Karol Aquilina irrifjuta li jerfa’ r-responsabbilta ta’ dak li jgħid Simon Busuttil minħabba li se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali, l-attenzjoni daret fuq Clyde Puli. Id-Deputat Nazzjonalista li jkun elett mis-6 Distrett elettorali, se jkollu rwol li jikkordina l-messaġġ tal-PN fuq bażi aktar mifruxa, lil hinn mid-Dar Ċentrali.
Fil-laqgħa tat-tmexxija tat-Tnejn fil-għodu ingħad li Clyde Puli għandu jgħin lil partit biex iwassal aħjar il-messaġġ tiegħu speċjalment fejn jidħu diskorsi u messaġġi politiċi, l-aktar dawk li jkun irid jgħaddi l-Kap tal-Partit fid-diskorsi tiegħu.
It-tmexxija kienet mdejqa b’Matthew Bonett minħabba l-mod kif mexxa l-messaġġ tal-partit fl-aħħar xhur speċjalment wara l-gaffes li Simon Busuttil għamel ħadd wara ħadd.
Clyde Puli studja l-komunikazzjoni u anke ħadem fil-media tal-PN bħala DJ u preżentatur ta’ diversi programmi fuq Radio 101.
Fir-rwol il-ġdid tiegħu se jkun qed jaħdem mill-qrib aktar mat-tmexxija u qed ikun diskuss internament jekk għandux jibda hu wkoll jattendi għall-laqgħat tat-Tnejn fil-għodu, magħrufa bħala l-laqgħa tat-tmexxija.
Hemm min qiegħed isostni, illi ġaladarba għandu jkun hu responsabbli mil-messaġġ tal-PN, għandu jkun preżenti għall-laqgħat ħalli jisma’ direttament u anke jieħu sehem fid-diskussjoni. Iżda hemm elementi fi ħdan il-laqgħa tat-tmexxija li jippreferu li jibqa’ kollox kif inhu anke biex ma jkomplux jurtaw lil Matthew Bonett li qatt ma jkun mistieden għal dawn il-laqgħat.
Il-kordinazzjoni tal-messaġġ tal-partit isir minn Rosette Thake, is-Segretarja Ġenerali li qed tiddefendi ruħha billi tgħid li r-rwol tagħha għandu x’jaqsam biss mal-media tal-PN u tefgħet ir-responsabbilta kollha fuq l-uffiċċju informazzjoni biex iwassal il-messaġġ tal-partit għand l-elettorat.
Għalkemm Matthew Bonett mistenni jibqa’ fl-Uffiċċju Informazzjoni, ir-responsabbilta aħħarija mistennija tkun ta’ Clyde Puli.
Mill-Uffiċċju Informazzjoni diġa kien hemm impjegati li telqu minħabba l-mod ta’ kif kienu qed isibu bsaten fir-roti biex ikunu jistgħu jaħdmu kif suppost. Sitwazzjoni li baqgħet teskala sakemm waslet biex tinstab persuna ġdida li tieħu ħsieb il-messaġġ tal-partit.
Comments