Il-Kap suppost imexxi mhux jinħeba
Updated: Sep 21
Simon Busuttil qed jagħmel bil-maqlub ta’ dak li suppost jagħmel mexxej, imexxi. Fil-każ tal-PN, isejħulu Kap. Mexxej jew Kap, il-fatt jibqa’ li hu mistenni minn Simon Busuttil li jibda jmexxi l-PN, wara kollox qed jaspira li xi darba jkun Prim Ministru.
L-aħħar każ dwar il-pożizzjoni tal-PN fuq l-omosesswalita huwa eżempju tipiku ta’ kif meta jkun hawn kwestjoni ta’ mportanza jew li tkun taħraq, minflok imexxi, Simon Busuttil jinħeba wara d-diskussjoni interna fi ħdan il-Grupp Parlamentari.
Dalgħodu, meta kien l-Universita qal li ma jkunx sew li jgħid l-opinjoni tiegħu ħalli ma jinfluwenzax lid-Deputati l-oħhra. Simon Busuttil imexxi jew imexxuħ?
Mistoqsija li ssir kull darba li jkun hemm kontroversji ta’ dan it-tip, bħalma kien hemm fuq l-unjoni ċivili fejn il-PN, ħa pożizzjoni li ma jieħux pożizzjoni w astjena meta ġejna għal vot importanti.
Illum, Simon Busuttil qed isibha bi tqila biex jiddikjara li l-omosesswalita m’hijiex marda. Din hija implikazzjoni ċara li fil-PN, hemm elementi li jaħsbuha bħall-Knisja fuq l-omosesswalita. Sa issa kienu ftit dawk involuti fil-PN esprimew ruħhom kontra l-pożizzjoni tal-Knisja.
Għadni ma nistax nifhem, kif trid issir diskussjoni dwar jekk l-omosesswalita hijiex marda jew le. Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Abbozz ta’ Liġi mħejji minn Helena Dalli ilu li ntemm minn nofs Jannar, l-Oppożizzjoni ma lissnitx kelma.
L-Oppożizzjoni m’għamlet xejn. Baqgħet ċassa quddiem il-bidliet li qed iseħħu f’Malta u qed issir diskussjoni interna fil-PN, minħabba l-pressjoni li qed issir mill-opinjoni pubblika li fil-maġġoranza tagħha ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Knsija li l-omosesswalita hija marda u li hi wkoll marbuta mal-pedofelija.
Ikun interessanti wieħed ikun jaf min fil-PN qed iżomm lil Simon Busuttil milli jieħu pożizzjoni u għaliex ma jridx jgħid l-opinjoni tiegħu u jiddikjara li l-omosesswalita m’hijiex marda. Possibbli jaħseb hekk?
Nhar il-Ħadd li għadda ipprefera jiddefendi lin-nagħaġ ta’ Ġanni Attard milli l-komunita gay f’pajjiżna.
Comments