Il-PN ġabar tal-anqas €27m mill-JS List u għandu mal-€20m dejn, fejn marru l-flus?
Updated: Sep 21
Il-President tal-PN Ann Fenech, waqt il-program Reporter il-bieraħ filgħaxija ma ċaħditx li l-PN għandu mal-€20 miljun f’dejn. Tal-iskantament kif partit li għamel 25 sena fil-gvern u kellu lista ta’ 109 sinjurun jgħatuh id-donations, irnexxilu jakkumula dak id-dejn kollu.
Il-JS List li bdiet tinġabar fl-1987 minn Joe Stellini ftit wara li bdew jinħatru Nazzjonalisti f’diversi pożizzjonijiet u bdew jingħataw il-kuntratti, fiha 109 persuna. Din il-lista kienet għand ftit nies u l-aċċess għaliha kien ristrett.
Jekk matul is-snin kull min hemm fuq il-JS List ta donazzjoni ta’ €10,000 fis-sena, li hija stima konservattiva, allura l-PN ġabar €27,250,000.
Għalhekk bla dubju li wieħed jistaqsi fejn marru l-flus u f’hiex intnefqu? Kif minkejja dak il-flus kollha li nġabru, il-PN għandu dejn ta’ madwar €20 miljun, hemm min jgħid li l-ammont hu eqreb għal €23 miljun.
Fost dawk li jagħmlu dawn il-mistoqsijiet hemm ukoll persuni li huma nnifishom kienu fuq din il-lista u kienu jintalbu ammonti kbar ta’ flus mill-PN, speċjalment fiż-żmien qabel xi kampanja elettorali.
Sa issa il-PN qatt u qatt ma ċaħad li teżisti din il-lista li fiha hemm persuni li kienu akkużati fil-Qorti bil-korruzzjoni u tal-anqas fiha isem wieħed li hu msemmi wkoll fil-Panama Papers.
Tancred Tabone huwa l-persuna akkużat b’tixħim b’rabta max-xiri taż-żejt meta kien Chairman tal-Enemalta u Louis Farrugia huwa l-persuna msemmi fil-Panama Papers. Iż-żewġ ismijiet huma fil-JS List.
L-ismijiet l-oħra li kienu magħrufa sa issa huma ta’ żewġ ex Chairman tal-Freeport, Marin Hili u Mark Portelli.
Ma hemm ebda garanzija li persuni oħra li għandhom kumpaniji u trusts barra minn Malta, li tant huma fil-mira tal-PN ma humiex inklużi f’din il-lista. Meta mistoqsi pubblikament dwar dan, il-Kap tal-PN baqa’ ħalqu magħluq.
Comments