Irid iressaq vot ta’ sfiduċja fil-gvern
Updated: Sep 21
La Simon Busuttil jiġi lura minn Turin mistenni jressaq vot ta’ sfiduċja fil-gvern. Sorsi fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li minn din l-aħħar kontroversja, l-PN se jimmonta kampanja sħiħa fil-ġimgħat li ġejjin.
L-istrateġija bdiet titħejja fil-jiem li għaddew u matul il-ġimgħa se jkun hemm aktar laqgħat fejn se jieħdu sehem Simon Busuttil u Beppe Fenech Adami fost uffiċjali oħra tal-PN biex jimmontaw kampanja bla preċedent attakk fuq il-Ministru Konrad Mizzi fost l-oħrajn.
Laqgħat oħra mistennija jsiru biex jikkonvinċu lid-Deputati xettiċi minn din l-istrateġija, li din hija l-aħjar triq. Hemm Deputati tal-Oppożizzjoni li huma mwerwrin kif tista’ tiżvolġi s-sitwazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin għaliex jistgħu ikunu huma wkoll taħt il-lenti u ma jaqblilhomx. Għaliex jista’ jkun hemm dispkrepanzi fid-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom.
Għalkemm Konrad Mizzi kien ikkritikat talli fetaħ Trust Company fi New Zealand, f’talba bla preċedent, poġġa l-karti kollha tiegħu fuq il-mejda u ma ħebiex il-fatt mid-dikjarazzjoni tal-assi li mistennija titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra fiż-żmien li ġej.
Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia mistennija tivvota mal-Oppożizzjoni meta jitressaq il-vot ta’ sfiduċja.
Comments