Jimbotta lil Maltin u jilgħaq lil barranin
Updated: Sep 21
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jippreferi jitkellem mal-ġurnalisti barranin milli mal-ġurnalisti Maltin, jekk ma jkunux minn ta’ ġewwa. Meta l-Prim Ministru ddeċieda dwar it-tibdil fil-Kabinett, Simon Busuttil, li qatt ma ddeċieda fuq xejn, mar jitkellem mal-ġurnalisti barranin qabel ma tkellem mal-ġurnalisti Maltin.
Meta jiġu l-barranin jilqagħhom fl-uffiċċju, meta jersqu lejh ġurnalisti Maltin jimbuttahom. Jew aħjar iġiegħel lil bodyguards jimbuttawhom. U meta jkun hemm il-marmalja miegħu, jispiċċaw jattakkawhom ukoll, bħalma għamlu quddiem il-Qorti.
Dan hu sintomu ta’ min hu skomdu jwieġeb mistoqsijiet. Ta’ min hu komdu biss biex jara traba f’għajn ħaddieħor u ma jagħtix każ it-travu li għandu f’għajnejh.
Mbagħad meta l-ġurnalisti jkunu Taljani, iktar jgħoxa. Jekk tinnotaw l-aktar statements ħorox kontra Malta dwar l-immigrazzjoni, dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u issa dwar Konrad Mizzi dejjem għamilhom fuq media Taljana.
Din hi mentalita’ li fl-istorja tiegħu il-PN dejjem ħaddan. Għalkemm hu l-partit li fi żmienu inġiebet l-Indipendenza, kien il-gvern ta’ Mintoff li ħadem għaliha. Sa ftit tas-snin qabel kienu jiddieħku bil-pjan tiegħu. L-istess għamlu meta pajjiżna ingħaqad biex ikun Repubblika, sitta minnhom, inkluż il-Kap ta’ dak iż-żmien ivvotaw kontra.
Jekk immorru lura fis-snin għal kwestjoni dwar il-lingwa, ukoll kienu jippreferu t-Taljan milli l-Malti.
U llum għadhom l-istess, jimbottaw lil Maltin u jilgħaqu lil barranin.
Malta qed tinbidel u n-Nazzjonalisti ma jinbidlu qatt.
Comments