Jitkellmu bl-istess ton arroganti bħal meta kienu fil-gvern
Updated: Sep 21
Dibattitu sħiħ dwar Konrad Mizzi li fih in-naħa tal-Oppożizzjoni tkellmet bl-istess ton arroganti ta’ meta kienu fil-gvern. L-istess argumenti, l-istess attakki, l-istess tgħajjir. L-istess arroganza ta’ min jidher li ma tgħallem xejn wara tliet snin fl-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil.
Apparti attakk fuq il-gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel ukoll attakk fuq istituzzjonijiet ta’ pajjiżna bħall-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Busuttil iridhom jinvestigaw u għadu ma ġabx prova waħda li hi waħda. Qatt ma mar għand il-Pulizija bi prova waħda ta’ korruzzjoni.
Ara aħna, meta nitkellmu fuq każi ta’ korruzzjoni, nitkellmu fuq il-provi tal-każi fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti. Bħal każ ta’ korruzzjoni li kien hemm fil-Ministeru ta’ Tonio Fenech u li dwar ammetta l-ex Segretarju Privat tiegħu li xxaħħam biex jaqdi lill-aħwa Montebello.
Bħalma hemm provi ta’ korruzzjoni fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt tant li taw proklama lil George Farrugia biex jikxef il-Korruzzjoni jew bħal provi li hemm li wasslu lir-raġel tal-ex Ministru Giovanna Debono l-Qorti talli ordna xogħol fil-privat minn fuq dahar il-poplu.
Tant huma arroganti li jaslu biex jaħsbu li għandhom monopolju fuq x’jaħsbu n-nies meta fil-fatt in-nies qed tgħid li m’għandix fiduċja f’Simon Busuttil għaliex kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar dejjm jindika li l-poplu għandu ħafna aktar fiduċja fil-Prim Ministru milli fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
Comments