Ma kienx maktur! Mistenni ċaqlieq fl-Uffiċċju Informazzjoni tal-PN
Updated: Sep 21
Mdejjqin bil-mod ta’ kif qed jasal il-messaġġ tal-PN għand l-elettorat, fil-laqgħat ta’ tmexxija li jsiru kull nhar ta’ Tnejn fil-għodu fid-Dar Ċentrali, bdiet diskussjoni fil-ġimgħat li għaddew li r-riżultat tagħha mistenni jsarraf f’nies ġodda fl-Uffiċċju Informazzjoni.
F’dawn il-laqgħat, li jsiru l-ewwel ħaġa t-Tnejn filgħodu jkun hemm preżenti Simon Busuttil u ż-żewġ Deputati Mexxejja, Beppe Fenech Adami u Mario de Marco. Magħhom jattendu wkoll is-Segretarja Ġenerali Rosette Thake, Carol Aquilina u Ann Fenech bħala presidenti tal-Kunsill Amministrattiv u Eżekuttiv u Brian St John, Kap Eżekuttiv tal-PN.
Id-diskussjoni fi ħdan dan il-grupp tiddiskuti l-andament tal-Partit kemm fuq livell amministrattiv u wkoll fuq livell politiku.
Fuq livell politiku hemm nuqqas ta’ qbil dwar kif qed jitwassal il-messaġġ u d-Direttur tal-Uffiċċju Informazzjoni Matthew Bonett qiegħed fil-mira għaliex f’għajnejn uħud fid-Dar Ċentrali “mhux qed jaqta’ figura tajba”, speċjalment wara l-gaffe ta’ Simon Busuttil bil-maktur taparsi ta’ 100 sena. Mossa li aktar waqqgħet lil Busuttil għaż-żufjett milli biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu mal-elettorat.
Fil-grupp tat-tmexxija Bonett kien ikkritikat għal mod kif qed jiħħendilja l-media u hemm min qed jippressa biex jidħlu nies ġodda fid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Jidher li Simon Busuttil ċeda għal din il-pressjoni u għalhekk, anke jekk ix-xogħol ta’ Bonett aktarx jibqa fl-Uffiċċju Informazzjoni, mistennija jaslu persuni ġodda li jkunu responsabbli mill-mod ta’ kif il-PN se jwassal il-messaġġ tiegħu.
Comments