top of page

Net TV, pjaċir mhux mitlub lil Konrad Mizzi

Archive
Apr 7, 2016
2 min read

Updated: Sep 21

Diskors mil-qalb li Konrad Mizzi għamel il-lejla quddiem il-delegati tal-Partit Laburista, ittella’ fuq Youtube mill-PN. Kull min jara din is-silta tad-diskors jinduna kemm id-Deputat Mexxej Laburista kien qed jitkellem mill-qalb għall-ewwel darba quddiem id-delegati tal-konferenza.

Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Konrad Mizzi qal li huwa jifhem li hemm rabja u ma jistax jinjora dak li qed jgħidu n-nies. Bl-aktar mod umli ser noqgħod għal kull deċiżjoni li ser jieħu l-Prim Ministru. Jien qed jiddispjaċini li qed niġu kritikati minħabba dan il-każ, għax intom bħal ma ħdimt jien, ħdimtu sabiex il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni tal-2013, stqarr id-Deputat Mexxej.

Dr Mizzi qal li Simon Busuttil jista’ jikkritikah fuq id-deċiżjonijiet li jieħu, iżda ma jistax jikkritikah fuq

wrongdoings

li qatt m’għamel. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħaseb li peress ħadt ħsieb kuntratti kbar seta’ kien hemm xi ħaġa, jien l-investiment li ġibt, ġibtu biex inpoġġu fuq saqajha l-Enemalta, kumpanija li ħaddieħor ried ineħħi għal €1. Konrad Mizzi semma wkoll kif bħalissa għaddejjin żewġ

audits

, waħda minn kumpanija indipendenti u internazzjoni u

tax audit

mill-Kummissarju għat-taxxi li qed jinvestiga kollox. Din hija mossa li ħadd m’għamilha qabel, stqarr il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa.

Fuq l-istess każ, il-Ministru Mizzi qal li huwa rrabjat li flok qed nitkellmu fuq dak li wettaq il-Gvern, qed nitkellmu fuq il-Panama. Għalkemm parti minni qed tgħid li m’għamilt xejn ħazin, jien ma nistax ninjora dak li qed jgħidu n-nies, saħaq Dr Mizzi filwaqt li spjega kif it-

trust

miftuħa fi New Zealand infetħet wara pariri professjonali u bl-iskop li tkun għal

family estate management

u qatt ma kien hemm intenzjonijiet oħra, kieku kelli skopijiet oħra ma kontx inizzel isem uliedi, tenna id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Dan kollu kien imnizzel fid-dikjarazzjoni tal-assi u bil-ħruġ tal-

Panama Papers

dan kollu kien ikkonfermat, qal Konrad Mizzi.

Id-Deputat Mexxej Laburista saħaq li huwa daħal fil-politika għax emmen fil-proġett tal-Prim Ministru Joseph Muscat, proġett li qed ibiddel lil Malta ta’ taħt fuq, proġett li permezz tiegħu fost l-oħrajn qed indaħħalu aktar drittijiet ċivili, qed nagħtu aktar għajnuna soċjali, qed jingħataw aktar għajnuniet lill-persuni b’diżabiltà, qed inkabbru l-ekonomija u qed nagħtu l-inċentivi biex aktar nisa joħroġu jaħdmu. Għamilna ħafna, iżda fadal x’nagħmlu, tenna l-Ministru Mizzi.

Dr Mizzi tkellem ukoll fuq il-ħidma li saret fl-oqsma tal-enerġija u s-saħħa u semma mizuri bħat-traħħis tal-konijiet tad-dawl u l-ilma, l-investiment dirett barrani fl-Enemalta, il-qalba għall-gass u t-tneħħija tal-mediċini

out of stock

, it-tnaqqis fil-listi ta’ stennija u t-tnaqqis tal-kjuws fl-emerġenza fost l-oħrajn. Dan kollu ħaddieħor kien jgħid li huwa impossibli qal Konrad Mizzi. Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista immonta attakk fuqu kemm qabel u wara l-elezzjoni, dan filwaqt li l-Gvern qed jagħmel suċċessi kbar tant li

The Economist

sejħu lill-pajjiżna bħala eżempju li fuqu Gvernijiet soċjal-demokratiċi għandhom jimxu fuqu.

Fl-aħħarnett, Konrad Mizzi qal li huwa jrid Malta aħjar u wiegħed li jkun xi jkun l-irwol tiegħu fiż-żmien li ġej, huwa se jkun fuq quddiem nett bħal ma kien fl-elezzjoni li għaddiet biex jgħin lill-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja. Filwaqt li Simon Busuttil qed jitlob għal firda, aħna rridu mmorru għal għaqda, temm jgħid id-Deputat Mexxej Laburista.

 
 
 

Recent Posts

See All
Malta Tagħna Lkoll għażlet l-Aqwa Żmien

Eluf ta' partitarji ħonqu t-toroq hekk kif sar magħruf ir-riżultat, b'mod partikolari quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jisimgħu l-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

 
 

Comments


Commenting on this post isn't available anymore. Contact the site owner for more info.
bottom of page