Tonio Fenech f’xibka ta’ kumpaniji rreġistrati f’tax havens, Simon Busuttil paroli biss
Updated: Sep 21
Jekk il-British Virgin Islands (BVI) huma ħżiena, għandhom ikunu ħżiena għal kulhadd. Anke għad-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, ex Ministru tal-Finanzi. Bl-istandards ta’ Simon Busuttil, Tonio Fenech imissu ilu li rreżenja minn meta għamel id-dikjarazzjoni tal-assi.
Tonio Fenech jaħdem għall-kumpaniji b’sidien irreġistrati f’ġurisdizzjonijiet sigrieti bħal British Virgin Islands u Jersey. Fil-kumpaniji miegħu hemm ex uffiċjali tal-BoV li kienu appuntahom fl-ogħla karigi tal-bank fiż-żmien li kien Ministru.
Jirriżulta li ftit wara li ma baqax il-Ministru tal-Finanzi, Fenech ingħaqad ma’ dawk l-uffiċjali biex sar chairman ta’ kumpaniji li s-sid reġistrat tagħha huwa fil-British Virgin Islands. Pajjiż li tant issemma’ mill-PN fl-aħħar xhur biex isir attakk fuq iċ-chief of staff tal-Prim Ministru.
Kumpanija li tagħha Tonio Fenech huwa chairman jisimha Abalone Asset Management u twaqqfet f’Lulju 2015. Il-Kap Eżekuttiv tagħha huwa ċertu Toberto Colapinto. Filwaqt li l-kumpanija hija reġistrata f’post meqjus bħala ‘tax haven’ fejn isir ħafna xogħol minn Mossack Fonseca.
Fil-fatt kienu involuti fit-twaqqif ta’ din il-kumpanija Morgan& Morgank, li wkoll jissemmew bi prominenza f’Panama Papers.
Fenech jagħti wkoll is-servizzi tiegħu lil Marlin Property Holdings u Primero Holdings. Kumpaniji li twaqqfu f’Malta f’Ġunju 2013 u Settembru 2014. Hu jservi bħala segretarju ta’ dawn il-kumpaniji li s-sid tagħhom huwa First Name Group li wkoll huwa bbażat f’tax haven. Din id-darba Jersey.
Wara li kienet ippublikata din l-informazzjoni, jidher biċ-ċar li Simon Busuttil paroli biss. Minkejja l-ħafna diskors fuq kemm hu ħażin li persuna fil-politika tkun involuta f’kumpaniji rreġistrati f’tax havens, baqa’ ma għamel xejn fuq Tonio Fenech bħalma ma għamel xejn ukoll dwar Ann Fenech li kumpanija sussidjarja tagħha toffri servizzi li klijenti biex iftħu kumpaniji fil-Panama.
Addio standards, governanza tajba u etika, paroli biss.
Comments