Żewġ trust companies li fihom involut Busuttil
Updated: Sep 21
Il-ġurnal L-ORIZZONT dalgħodu żvela li Simon Busuttil huwa involut direttament f’mill-inqas żewġ
trust companies
li jieħdu ħsieb l-assi ta’ persuni oħrajn.
The Alphabet Trustee u GSN Limited huma żewġ
trust companies
li Busuttil u l-Avukat tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech, jidhru bħala
shareholders
maġġuri tagħhom taħt l-isem ta’ Gansam Holdings Limited. Din tal-aħħar hi kumpanija li Busuttil u Fenech għandhom bejniethom, flimkien ma’ Austin Sammut, li hu wkoll qrib sew tal-PN.
L-ORIZZONT irrappurtat li għalkemm fl-2012 kien inbeda proċess biex The Alphabet Trustee u GSN Limited jiġu likwidati, Busuttil u Fenech għadhom jidhru bħala
shareholders
f’dawn iż-żewġ kumpaniji li huma proprju
trusts
. Il-kumpaniji, li ilhom imwaqqfin mill-1995 u l-1998 rispettivament, huma rreġistrati fuq 36, Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta, l-istess indirizz tal-kumpanija Gansam Holdings Limited u l-uffiċċju legali tal-kumpanija Ganado Sammut Advocates fejn kienu msieħba Fenech u Busuttil, fost oħrajn. Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti din tal-aħħar gawdiet aktar minn €230,000 f’kuntratti pubbliċi, li fil-maġġoranza ngħataw b’
direct order
, waqt li fl-2011 ingħaqdet ma’ kumpanija oħra legali Fenech Farrugia Fiott Legal.
Fil-jiem li għaddew il-Kap tal-Oppożizzjoni uża l-privileġġ Parlamentari biex jagħmel allegazzjonijiet malafamanti fil-konfront tal-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa meta attribwixxa lilu kliem bħal “ħmieġ kbir”, “evażjoni ta’ taxxa”, “ħabi u ħasil ta’ flus” għall-fatt li Mizzi ddikjara li għandu
trust
barra minn Malta. Skont Busuttil,
trusts
jintużaw biex jitpoġġew miljuni kbar ta’ flus.
Minkejja dan, meta l-Ministru Mizzi sfida lill-Kap Nazzjonalista biex jirrepeti l-istess diskors mingħajr ma juża l-privileġġ Parlamentari, jiġifieri barra l-ogħla istituzzjoni nazzjonali, evita anke li jidher hu barra. Fil-fatt la l-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu u lanqas il-Viċi tiegħu Beppe Fenech Adami ma laqgħu din l-isfida.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista kien mistoqsi diversi drabi mill-ġurnalisti lbieraħ waranofsinhar jekk kien lest jirrepeti l-istess diskors tal-Kap tiegħu meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet fuq is-suġġett.
Comments