Busuttil lura lejn Malta illejla flimkien ma’ Casa
Updated: Sep 21
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil daħal lura Malta illejla wara jumejn fi Brussell fejn attenda għas-summit tal-PPE u kellu wkoll bosta laqgħat fil-Parlament Ewropew qabel nhar it-Tnejn jiltaqa’ l-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew li għandu jiddiskuti ċ-ċittadinanza Ewropea.
Mal-wasla tiegħu lura Malta, Simon Busuttil sab skandlu jistenniħ li ma kienx qed jistenna għaliex mingħalih li kellu żewġ Viċi Kapijiet li fuqhom seta’ jorbot u jibni kampanja dwar governanza tajba. Pjan li sfuma fix-xejn. B’Richard Cachia Caruana b’kollox ma rawx dan kollu ġej għalihom.
Dan il-pjan għarralu b’dak li beda ħiereġ kemm dwar Beppe Fenech Adami u wkoll dwar Mario de Marco. Tal-ewwel kien One News li beda jiżvela kif gawda minn numru ta’ deċiżjonijiet fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti li permezz tagħhom il-Palazz fil-Għargħur sar jiswa l-miljuni.
Dwar De Marco, qed tkun il-fazzjoni ta’ Richard Cachia Caruana li tattakkah permezz ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara dak i-ħafna diskors li jrid inaddaf il-politika darba għal dejjem, tant li fil-protesta qal li din hija “il-missjoni tiegħu”, kulħadd qed jistenna li meta jkun lura Malta, Simon Busuttil se jindirizza din is-sitwazzjoni mill-ewwel u jieħu dawk id-deċiżjonijiet li għandu jieħu bħala Kap ta’ Partit li jrid inaddaf il-politika.
Iżda nies midħla tad-Dar Ċentrali jgħidu li Simon Busuttil ftit jista’ jieħu azzjoni kontra Beppe Fenech Adami meta dan huwa l-aktar politiku b’saħħtu fl-istamperija u issa kompla ssaħħaħ billi daħal lura Richard Cachia Caruana li hu ħafna eqreb tal-familja Fenech Adami milli ta’ Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed iħoss li Beppe Fenech Adami tefgħu f’rokna u ma jistax jibqa’ għaddej bil-kampanja li kien qabad għaliex issa l-pożizzjoni tiegħu iddgħajfet, jekk qatt kienet b’saħħitha.
Minkejja l-għajjat ta’ korruzzjoni, Simon Busuttil u l-PN ma għandhom l-ebda prova li l-Ministru Konrad Mizzi u jew Keith Schembri huma involuti f’xi att korrott. Anzi meta kien fuq Dissett din il-ġimgħa biddel id-diska u minn korruzzjoni beda juża l-kelma korrettezza.
Iżda ġaladarba Simon Busuttil ma jiddejaqx jitkellem fuq korruzzjoni, wieħed jistenna li meta jistejqer mill-vjaġġ, fis-siegħat li ġejjin jiffaċċja lil media u jgħid x’passi se jieħu fuq dan il-każ li daħħlu fih Beppe Fenech Adami.
Comments