top of page

Nagħżel il-liberta tal-espressjoni fuq iċ-ċensura

Archive
Jun 8, 2016
2 min read

Updated: 3 hours ago

Għalija, mis-sema’ l-isfel kulħadd huwa l-istess u ħadd ma għandu jkollu il-privileġġ li għandu jkun eskluż mill-kritika, meta l-kritika tkun ġusta u jew mistħoqqa. Għalhekk idaħħakni l-agħa li nqala’ u qed jerġa jipprova jinqala’ fuq kumment sarkastiku li għaddejt fuq membru tal-ġudikatura u li bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala attakk personali fuq il-persuna msemmija.

Dan kollu nqala’ għax jien min jien, u għax kien hemm il-PN fin-nofs.

Dak li ktibt huwa differenti ħafna mill-attakki personali li għamel l-istess PN fuq il-membri tal-ġudikatura permezz tal-media tiegħu u Daphne Caruana Galizia. Attakki li fil-mira tagħhom kien hemm l-Imħallfin Alberto Magri, Philip Sciberras u Wenzu Mintoff, il-Maġistrati Joanne Vella Cuschier, Caroline Frendo Farrugia u Consuelo Herrera fost l-oħrajn. Attakki ħorox fil-konfront tagħhom intiżi biex inaqqsulhom il-ġieh u l-kredibbilta. Ħadd ma tkellem u tkaża.

Il-kumment li għaddejt jien qed jintnefaħ f’proporzjonjiet eżaġerati għaliex f’dawn l-aħħar ħames xhur, għamlu minn kollox biex jattakkawni u għalhekk din kienet okkażjoni oħra tajba biex isemmgħu leħinhom kontrija u ppruvaw ukoll iżeffnu fin-nofs lil Prim Ministru u lil Ministru Owen Bonnici.

Il-Ministru tal-Ġustizzja ma jista’ qatt jaqbel ma’ min jattakka lil ġudikatura, hija xi ovvja minn għewl id-dinja, iżda l-kritika m’hijiex attakk.

Mela ara x’pajjiż dan, iddikriminalizzajna il-vilifikazzjoni reliġjuża u qablu magħha imma ma tistax tikkritika lil ġudikatura.

Il-kritika għandha tkun ċara u diretta. Min irid jikkritika blogs oħrajn m’għandux għalfejn jinqeda bija għax dan il-blog huwa inkomparabbli malli jagħmel ħaddieħor daqs ix-xita fejn in-nida.

Jien dejjem irrispettajt id-deċiżjonijiet li ħadu l-Qrati, qatt ma pproponejt li tinbidel is-sistema tal-ġurija għax kien hemm sentenza li ma għoġbitnix bħalma għamel Eddie Fenech Adami. Qatt ma għidt li jien ma nidhirx quddiem Imħallef ex kandidat tal-PN bħalma għamel Pawlu Borg Olivier fuq Imħallef ex kandidat tal-Labour, qatt ma dħalt fil-ħajja personali tal-membri tal-ġudikatura jew għajjarthom mhux kapaċi.

Dawn kollha intnesew, illum moda tikkritika lil Glenn Bedingfield għax jikteb blog.

Fil-kritika li nagħmel jien dejjem kont ċar u hekk nistenna mingħand kulħadd, forsi qed nippretendi wisq.

Min din il-website ma nieħu xejn tagħha ħlief kedded u kritika, li naċċettaha bħalma għandu jaċċettaha ħaddieħor hu min hu.

Taħt il-kappa tax-xemx ħadd ma hu sagru li ma għandux ikun ikkritikat. Ma naqbilx ma min jgħid li l-ġudikatura ma tistax tkun ikkritikara jekk il-kritika tkun ġusta u mistħoqqa.

Recent Posts

See All

Comments


Commenting on this post isn't available anymore. Contact the site owner for more info.
bottom of page